Saturday, April 05, 2014

Tieqa fuq kittieba Maltin - Kotba ta' Taħriġ 1 & 2 Patrick Sammut

Tagħrifa ta' Tarċisju Zarb 

 Dawn iż-żewġ volumi ġew ippubblikati minn Schola Publications, u jmorru id f'id mal-volum TIEQA FUQ KITTIEBA MALTIN tad-De La Salle Publications (2003 u 2012).
Il-kritika letterarja u l-pedagoġija, fl-idea tiegħi, aktarx iva milli le, ħafna drabi, kienu ħafna u ħafna 'l bogħod minn xulxin. Għal snin twal, bħal qisu wieħed kien isib ruħu f'xi tip jew ieħor ta' 'dijatribu', bejn il-poeżija u l-'kritiku', b'tali mod u manjiera li aktarx iva milli le, kien ikollna r-riżultat ta' djalogu magħluq li ma jirreferixxix ħlief għalih u għalih innifsu. Ir-riżultat, għaldaqstant kien ikun monologu fi ħdan ftit jew wisq l-istess persona.

Mhux hekk, madankollu, huma l-kotba 'Tieqa fuq kittieba Maltin' (1 &2) ta' Patrick Sammut. Minkejja, il-ħila kritika tiegħu, minħabba l-esperjenza twila fit-tagħlim tal-Malti u Taljan, fost oħrajn, huwa ma jiqafx biss f'dak li jiena sejjaħtlu 'dijatribu', imma, filwaqt li f'xogħlijiet oħra, jagħti huwa wkoll is-sehem tiegħu f'din it-tip ta' paradimma ta' analiżi, hawnhekk id-djalogu li jinħoloq huwa bejn u bejn l-apprezzatur tal-poeżija u l-poeta. U dan jagħmlu tajjeb u tajjeb ħafna, permezz tal-użu ta' għadd ta' mistoqsijiet varji fuq poeżiji u poeti speċifiċi li nsibuhom fl-antoloġija 'Il-Poeżija Maltija' ta' Oliver Friggieri, li hija l-antoloġija, li l-istudenti fil-Livell A u IM għandhom biex jistudjaw bil-għan li jwieġbu mistoqsijiet fuq tema bħalma huma l-ġens, il-pajsaġġ u r-relazzjonijiet, fost oħrajn.

Bħala għalliem fil-klassi, Patrick Sammut jagħraf il-ħtieġa li jistaqsi, jew, kif ukoll iwassal lill-istudent innifsu biex direttament jew indirettament jistaqsi. Il-mistoqsijiet, kif nafu jieħdu diversi forom. Insibu l-mistoqsijiet diretti, li wieħed iwieġeb bi tweġiba riferenzjali, u nsibu oħra li għalihom wieħed irid jinferixxi. Insibu l-mistoqsijiet li wieħed irid jagħti tweġiba kwalitattiva, fis-sens ta' tweġiba miftuħa, fil-forma ta' paragrafu kif ukoll fit-tip ta' mistoqsijiet ta' xeħta kwantitattiva, fis-sens ta' mistoqsijiet bi tweġiba 'magħluqa'. Fl-istess ħin, insibu mistoqsijiet li fihom l-istudent irid jagħti opinjoni, jew jagħti impressjoni, kif ukoll isib u jagħmel riċerka biex isib xi tip ta' tagħrif, fuq poeżiji speċifiċi kif ukoll fuq poeti speċifiċi.
U dan Patrick Sammut, f'dawn iż-żewġ kotba u kotba oħra li huwa ppubblika ma' meddet is-snin, jagħmlu tajjeb u tajjeb ħafna. Għaldaqstant il-kotba ta' Sammut, li huma fil-forma ta' workbooks barra li huma megħjuna wkoll b'ritratti u grafika varja, jagħtu l-ispazju biex l-istudent/a, ikun f'qagħda li jagħmel ir-riċerka u jagħti t-tweġiba. L-għalliem/a, min-naħa l-oħra, jista' faċilment juża l-workbooks inkwistjoni biex ikun jista' jikkoreġi, ngħidu aħna aspetti ortografiċi, sintattiċi, ta' informazzjoni eċċ., li kif nafu aħna, in-nies ta' dan il-mestier, huma sine-qua-non fit-tagħlim ta' kull suġġett.

Għaldaqstant, nemmen li kull għalliem/a, kif ukoll student/a, fil-livell Intermedju u fil-Livell Avvanzat għandu jagħmel użu minn dawn iż-żewġ kotba, flimkien ma' kotba oħra simili tal-istess awtur, li tana wkoll xogħlijiet fuq livelli simili tat-Taljan. Dan għandu jgħin, biex, fost ħwejjeġ oħra, it-tagħlim tal-poeżija, ma jibqax it-tagħlim tal-għalliem/a, li jaf kollox u għaldaqstant jiddikjara minn qabel x'inhi u x'mhix il-poeżija, imma f'dijalettika bejn l-għalliem/a u l-istudenti, kif ukoll l-istudenti għal riħhom, jew fi gruppi jew f'pari jkunu jistgħu jieħdu l-akbar benefiċċji, f'termini ta' tagħlim, kif ukoll f'termini ta' suċċess fl-eżami A u Intermedju.

No comments: